Free Web Hosting by Netfirms
Web Hosting by Netfirms | Free Domain Names by Netfirms

Leanne Ellul

 

Leanne Ellul twieldet fis-sena 1989 u toqgħod Ħal Luqa. Studjat ġewwa l-iskola primarja u sekondarja ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni f’Ħal Tarxien. Wara attendiet il-Kulleġġ post sekondarju, De La Salle. Illum il-ġurnata qiegħda tistudja l-lingwa Maltija flimkien mas-Soċjoloġija ġewwa l-Universita’ ta’ Malta fejn tittama li fi ftit snin oħra tkun gradwata bħala għalliema tal-Malti. Għandha għal qalbha l-poeżija u l-letteratura ta’ kull xorta; mhux biss kontemporanja iżda wkoll tradizzjonali. Fil-qasam poetiku, Leanne tikteb kemm poeżiji u kif ukoll versi liriċi. Fil-kamp artistiku, tgħożż ferm l-arti tal-kant, żfin u drama. Hija membru ta’ l-Għaqda Poeti Maltin.

Pinzellati

‘Il fuq u l’isfel mal-mixja taż-żmien,
ħfief u safja 
tarahom kullimkien.
Iserpu ‘tul kwadru  tal-ħajja bla tmiem,
jonfħu bla heda 
n-nifs dejjiem. 
Jitbewsu bil-ħerqa
mal-mewġ żeffien, 
daqqiet oħra jbikku- 
suwed l-ilwien. 
Iż-żebgħa li tnixxi 
titkellem bla kliem,
tferraħ u tnessi
f’ żerniq il-jiem. 
 
Pinzellati f’moħħ esseri ħajjin,
qatt ma jiċċaraw-qatt m’huma mejtin.
 

 

FJURA

 

Mal-medda tax-xmara,

Kibru qrib żewġ fjuri żgħar.

Qalb ħaxix kbir tara

Ħdura tħaddar il-madwar.

Jien fjura,

Inti fjura,

Flimkien negħlbu l-ħdura

U ngħixu ħajja hienja.

 

 

FIL-BANJU TAN-NANNA

   

Fil-banju tan-nanna kont inċafċaf,

kont nilgħab bla serħan

u bla waqfien,

bla nkwiet ta’ xejn fuq dak li għadu ġej.

Hi tmellisni u tiċċajta.

F’għajnejha kont nilmaħ l-imħabba,

il-qalb tat-tieni omm.

Bit-tjubija,

tarani nindaf minn dawk il-ħwejjeġ

li qatt ma tebbgħuni

għax kont żgħira.


Għaqda Poeti Maltin – Maltese Poets Association

HOME    HISTORY    COMMITTEE    POETS    WHAT'S NEW    MEMBERSHIP    ACTIVITIES    PUBLICATIONS    MEDIA    COMPETITIONS    CONCORSO    ARCHIVE    CONTACT

Copyright © 2005 GHPM. All rights reserved.

Fuq  Top