Free Web Hosting by Netfirms
Web Hosting by Netfirms | Free Domain Names by Netfirms

Carmel G Cauchi

 

 

Dwar l-awtur

Twieled Birkirkara fl-1944. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja ta' Birkirkara, fil-Liceo u wara fil-Kulleġġ ta' l-Edukazzjoni San Mikiel, Ta' Giorni, fejn daħal fl-1962. Għallem fl-iskejjel primarji tal-Gżira, il-Birgu, Birkirkara u Santa Venera. Ħadem bħala Assistent Kap fl-Iskola Primarja ta' San Ġwann. Irtira fl-2005. Huwa membru attiv fl-Eżekuttiv Ġenerali tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.), u msieħeb fl-Għaqda Poeti Maltin, fl-Għaqda Letterarja Maltija u fl-Akkademja tal-Malti. Cauchi huwa kittieb ta' proża, poeżija u drammi, u jikteb għat-tfal u għall-kbar. Xogħlijiet tiegħu xxandru fuq il-mezzi tax-xandir, u dehru fil-ġurnali, f'rivisti letterarji u f'antoloġiji lokali u barranin. Fil-qasam tal-poeżija ppubblika Passi fuq ir-Ramel (1983), Fewġiet u Buffuri (1994) u Lellux fil-Mogħdija (1999). Ġie ppremjat bosta drabi f'konkorsi letterarji u fl-1986 ingħata l-premju "Città di Valletta".

 

About the author.

MAL-LEĦĦA TAL-BERAQ

 

Mal-leħħa tal-beraq niddendel

u nitla' nixxabbat sa ħdejk,

niġġerra fil-beraħ tas-sema

ferħan taħt il-ħarsa t'għajnejk.

 

Ma' l-anġli fis-sħab nilgħab noli,

il-kwiekeb flok boċċi nużaw,

il-qamar nagħmluh minflok dgħajsa

u għal wara l-qawsalla nsalpaw.

 

Dan ħolm u stħajjil, fantasija,

din xewqa,

din karba tar-ruħ,

din bikja ta' iben imxennaq,

din xenqa ta' spirtu muġugħ.

 

'Mma nemmen li ż-żmien għad jeħodni

f'mument li mis-sema jinsteraq

fejn ħolm u xewqat, fantasija

jitwaħħdu mal-leħħa tal-beraq.

 

16.03.06

 

RAJT IS-SIĠRA

 

Rajt is-siġra tifrex dlielha

biex kenn tagħti lill-għasfur...

Rajt il-fjura tbexxaq fommha

lill-farfett li lilha jżur...

 

U kemm xtaqt li nerġa' lura

għal met'inti kont is-siġra,

għal met'inti kont il-fjura!

 

U kemm xtaqt li nerġa' ndur

għaż-żmien ħelu meta jiena

kont farfett

u kont għasfur!

 

22.05.06


Għaqda Poeti Maltin – Maltese Poets Association

Merhba-Welcome  Storja/History  Poeti-Poeziji  Konkorsi-Competitions  Arkivju-Archive  Kuntatt-Contact

Copyright © 2005 GHPM. All rights reserved.

Fuq  Top