Free Web Hosting by Netfirms
Web Hosting by Netfirms | Free Domain Names by Netfirms

Għaqda Poeti Maltin – Maltese Poets Association


IL-KELMA TAL-PRESIDENT
 
Diċembru 2009
 
Is-sena li tinsab moribonda kienet waħda mill-aktar snin li tatna sodisfazzjon.  Dan għax matulha kellna tant attivitajiet li wrew kemm l-Għ.P.M. hija ħajja.
 
  Tellajna numru sabiħ ta' Lejliet ta' Poeżija f'lokalitajiet differenti, kellna fostna l-poetessa Taljana, Paola Mara De Maestri, organizzajna l-Konkors it-Torċa u għamilna żjara ta' kotesija mill-President ta' Malta, l-E.T. Dr George Abela LL.D. fil-Palazz, il-Belt.  Dan kollu barra l-attivitajiet tas-soltu.
 
  Il-ħasra hi, li mhux il-membri kollha jistgħu jħossu dan is-sodisfazzjon.  Uħud jgħixu f'nagħas qawwi ta' apatija.  Anqas jindenjaw ruħhom almenu jipparteċipaw fil-Konkors li norganizzaw kull sena!  U xi ngħidu għall-ħlasijiet tal-miżati u l-abbonamenti fir-rivista Versi?  Triq toqgħod tiġri warajhom u tibgħatilhom reminder wara l-ieħor!
 
  Imma l-aħħar li tmut it-tama.  Fi żmien bħal dan nagħmlu sew jekk inħarsu 'l quddiem.  Is-sena d-dieħla l-Għaqda tagħlaq 35 sena.  Il-Kumitat ġa ħejja xi pjani.  Tgħid 'il-membri nsibuhom?
 
  Xewqat sbieħ għall-Festi li ġejjin lill-Membri u lill-familji tagħhom.
 
ALFRED MASSA
 

Fuq  Top

 
IL-KELMA TAL-PRESIDENT
 
Settembru 2009
 
L-Għaqda Poeti Maltin dejjem kellha rispett lejn il-poeta għax hi tħares l-ewwel u qabel kollox lejn il-frott u mhux lejn is-siġra.  Dan jista' jixhdu kulmin segwiha sa mit-twaqqif tagħha.  Anzi, l-Għaqda tibqa' tirrispetta lill-poeta saħansitra wara mewtu; kif urew ċerti attivitajiet li organizzat biex tfakkar poeti li llum ħallewna, bla ma qagħdet tqis kinux membri tagħha jew le.
 
Mhux biss, imma l-Għaqda qatt ma ddiskriminat bejn sess u ieħor.  Fil-fatt fil-lista tal-membri hemm kemm poeti maskili kif ukoll femminili; anki fil-Kumitat stess minn ħames membri, tnejn huma nisa.  Biex dan jissaħħaħ, issa l-Kumitat iddeċieda li fost il-Membri Onorarji ad vitam jaħtar għall-ewwel darba poetessa.
 
Din hija s-Sinjura Lina Brockdorff.  Ċertament, kulmin hu midħla tal-Letteratura Maltija xi darba jew oħra żgur li sema' b'Lina Brockdorff; poetessa, prożatura u persuna li tat sehem kbir f'diversi Għaqdiet tal-Malti, fosthom l-Għ.P.M., li ilha msieħba fiha għal ħafna snin.  Biex turi r-rikonoxximent lejn il-ħidma letterarja tas-Sinjura Brockdorff l-Għaqda fi żmien qarib ser taħtarha uffiċjalment bħala Membru Onorarju ad vitam.
 
Jiena ċert li kulħadd jaqbel ma' dan il-pass.  Fl-istess ħin jirrealizza kemm l-Għaqda tagħna tapprezza bis-serjeta' u bla ebda diskriminazzjoni l-ħidma ta' kulmin jagħti sehmu fil-qasam poetiku ta' pajjiżna.
 
Lil Lina, nifirħilha u nawguralha.
 
ALFRED MASSA
President
 

Fuq  Top

 
IL-KELMA TAL-PRESIDENT
 
Ġunju 2009
 
L-Għaqdiet tal-Malti għal xi żmien dehru jgħumu f'baħar imqalleb, tant hu hekk, li kien hemm minhom li għereq.  Issa donnu li dak il-maltemp batta xi ftit, kif juru ċerti attivitajiet li qegħdin jiġu organizzati.
 
Minn maltemp bħal dan tista' tgħaddi wkoll l-Għaqda tagħna.  Ma rridux inserrħu rasna żżejjed għax minn xahar għal xahar il-membri qegħdin jiżdiedu.  Anqas għax naraw l-Għaqda ħawtiela f'diversi attivitajiet li torganizza.
 
Iċ-ċvetta dwar il-ġejjieni tinsab f'idejna lkoll.  Importanti li nħallsu l-miżata regolarment; importanti li nabbonaw f'VERSI.  Imma dan mhux biżżejjed.  Irridu naraw aktar parteċipazzjoni mill-membri tagħna fid-diversi attivitajiet li norganizzaw.  L-Għaqda għandha bżonn aktar membri "ħajjin"; trid tara aktar uċuħ ġodda.  Mhux dejjem l-istess nies iwieġbu għas-sejħiet li tagħmlilhom.
 
Il-Kumitat talab lill-membri s-suġġerimenti tagħhom.  Irċieva numru swostanzjali u fejn hu possibbli qiegħed jipprova jattwahom.  Għalhekk wieħed ma jifhimx ir-raġuni ta' dil-bruda kollha.  Irridu jew ma rridux li l-Għ.P.M. tibqa' ħajja u twettaq il-ġid lill-poeżija f'pajjiżna?
 
It-tweġiba li nistennew hemm bżonn tkun sostnuta bil-fatti, ħbieb!
 
ALFRED MASSA
President

Fuq  Top

 
l-KELMA TAL-PRESIDENT
 
Marzu 2009
 

Ma nistax ma nirringrazzjax lill-membri talli fl-aħħar Laqgħa Ġenerali għoġobhom jafdawli għal darb’oħra t-tmun tal-Għaqda tagħna.  Dan huwa sinjal ta’ fiduċja u fl-istess ħin ta’ apprezzament għall-ħidma tiegħi u ta’ sħabi l-oħra li flimkien mexxejna l-Għ.P.M. fit-tliet snin li għaddew.  Dan qed ngħidu, għax il-Kumitat għat-tliet snin li ġejjin kważi baqa’ li kien, b’tibdila waħda biss; dik ta’ Miriam Ellul minflok Alfred Calleja li għażel minn jeddu ma jikkontestax.  Lil seħibna Alfred ngħidlu Grazzi minn qalbi għas-sehem li ta kemm dam fil-kariga ta’  PRO.

Kif għedt fid-Diskors tiegħi dakinhar tal-Laqgħa Ġenerali,l-Għ.P.M. bi ħsiebha tkompli t-triq li qabdet f’dawn l-aħħar snin.  Ser inkomplu norganizzaw attivitajiet bil-għan li nressqu dejjem aktar lill-poplu tagħna lejn il-Poeżija.  Nittama, li tul it-tliet snin li ġejjin il-membri se jkunu aktar attivi u jinkoraġġuna almenu bil-preżenza tagħhom fl-attivitajiet li norganizzaw.

Dan huwa wkoll l-ewwel Folju għal din is-sena.  Talba ħerqana lill-membri biex flimkien inżommu ħajja r-rivista Versi minħabba li tinsab f’diffikultajiet finanzjarji.  Abbonaw fiha u ħeġġu oħrajn jagħmlu l-istess.  Versi mhijiex biss il-Leħen tal-Għ.P.M., imma hija wkoll il-Leħen ta’ dawk li għandhom għal qalbhom il-Poeżija Maltija.

ALFRED MASSA
President

Fuq  Top

 

l-KELMA TAL-PRESIDENT
 
Diċembru 2008
 

Bl-għajnuna t’Alla, wasalna fi tmiem sena oħra. Imma wasalna wkoll fi tmiem terminu ieħor ta’ tmexxija għall-Għaqda tagħna. F’Jannar li ġej, il-membri se jkollhom id-dritt li jagħżlu Kumitat ġdid għat-tliet snin li ġejjin. Hu dmir ta’ kull membru li dakinhar tal-Laqgħa ġenerali jattendi u jaqdi dmiru kif imiss.

Meta wieħed iħares lejn it-tliet snin li għaddew, ma jistax ma jħossx ċertu sodisfazzjon. L-attivitajiet li l-Għaqda organizzat juru kemm hi tabilħaqq ħawtiela fil-qasam letterarju (poetiku). Il-fatt, li ħafna minn dawn l-attivitajiet saru fuq stediniet minn Kunsilli Lokali u minn għaqdiet oħra, juri kemm l-Għ.P.M. hija apprezzata; kif jixhdu wkoll l-attentenzi li dejjem kellha.

L-unika weġgħa li ħalliet f’qalb l-Għaqda kienet l-apatija ta’ ċerti membri. Ħasra tassew! L-Għaqda għamlet minn kollox biex lil dawn it-talin tqajjimhom minn nagħas tagħhom, imma mhux dejjem irnexxielha. Grazzi minn qalbi lill-Kumitat li ħadem miegħi tul dawn it-tliet snin li għaddew. Fl-istess waqt Awguri sinċieri lill-Kumiat il-ġdid.

Sadattant, nixtieq lill-membri kollha: il-Festi t-Tajba!

 

ALFRED MASSA
President
 
 Fuq  Top

 

Il-KELMA TAL-PRESIDENT
 
Settembru 2008
 
F'Lulju li għadda, l-Għaqda ppubblikat uffiċjalment it-tmien Antoloġija tagħha bl-isem I Silenzi della Montagna e le Voci del Mare / Silences of the Mountain and Voices of the Sea.  Din ma kinetx l-ewwel darba li membri tal-Għaqda Poeti Maltin ingħaqdu ma' poeti barranin f'pubblikazzjoni simili.
 
Kienet esperjenza oħra, fejn  l-Għaqda esportat f'pajjiż barrani l-poeżija Maltija kontemporanja; ukoll jekk il-versi tagħna kellhom ikunu bil-lingwa Ingliża.
 
Diżgrazzjatament, kif sikwit jiġri, is-suċċess ta' din l-Antoloġija aktar deher fl-Italja milli f'pajjiżna.  Għax it-Taljani tawha importanza kbira f'diversi websites, Bloggs u saħansitra f'sezzjoni ta' l-istampa.  Min-naħa tagħna, nistqarru li xtaqna ftaħna l-bieb għal aktar membri, kif ukoll użajna Lsienna flok wieħed barrani.  Imma l-għażla ma kinetx f'idejna.
 
Jalla fil-futur qarib ikollna aktar okkażjonijiet simili.  Ma ninsewx l-Antoloġija bl-Esperanto li għadna għaddejjin bit-tentattivi biex narawha stampata wkoll.  Jalla l-membri tagħna japprezzaw bil-fatti dak li l-Għaqda qiegħda tagħmel għalihom.
 
ALFRED MASSA
President

  Fuq  Top

Il-Kelma tal-President

Ġunju 2008

 
Fil-Folju preċedenti ktibt dwar il-website ta' l-Għaqda tagħna.  Mhux biss urejt kif żvolġew l-affarijiet u rringrazzjajt lil min wellidha u lil min għadu jieħu ħsiebha, imma appellajt lill-membri tagħna biex minn żmien għal żmien ituha titwila.
 
Dan għamiltu primarjament biex il-membri jżommu ruħhom aġġornati dwar l-attivitajiet ta' l-Għaqda, imma wkoll biex fl-istess ħin ngħinu lill-Għaqda tiffranka ċerti spejjeż.  Kien proprju għalhekk li ftit ilu tlabniekom ċerta informazzjoni marbuta b'mod partikolari ma' l-internet u ma' l-indirizz elettroniku.
 
  B'hekk, ċerti Ċirkolarijiet, bħal dawk marbutin ma' Lejliet ta' Poeżija, eċċ., nistgħu ma nibagħtuhomx.  Informazzjoni oħra, iva, l-Għaqda tibqa' tgħaddiha lill-membri kollha kif għamlet fl-imgħoddi.  Ser nibqgħu nagħmlu hekk ukoll ma' min m'għandux la internet u lanqas indirizz elettroniku.  Imma min għandu, ġentilment mitlub jgħarraf lis-Segretarju mill-aktar fis possibbli.  Ta' dan, Grazzi bil quddiem.
 
Awguri għal Sajf ta'  mistrieħ lil kulħadd.
 
ALFRED MASSA

  Fuq  Top

 

IL-Kelma tal-President


Marzu 2008  

 

 

Sa minn mindu ħadt f’idejja t-tmexxija tal-Għaqda fhimt l-importanza li din ikollha l-website tagħha.  Għax importanti li l-Għ.P.M. timxi maż-żminijiet; kemm għaliha bħala Għaqda, kif ukoll għall-membri tagħha.

 

Grazzi għas-Segretarju Internazzjonali tagħna, Manwel Attard Cassar, fl-2003 il-ħ sieb tiegħi sar realta'.  Aktar tard imbagħad, il-website għaddiet f’idejn il-membru ħabrieki tagħna, Raymond Grech, li aġġornaha u għadu jżommha ħajja sal-lum.  Lil dawn iż-żewġ membri nirringrazzjahom minn qalbi.

 

Il-website www.ghpm.netfirms.com hija sabiħa, attraenti u informattiva.  Faħħruha nies bla ebda konnessjoni ma’ l-Għaqda u l-fatt li sa llum fittxewha aktar minn 5,000 persuna ġa huwa sinjal pożittiv.

 

Nistaqsi:  Int iżżurha?  Tibgħat kummnenti jew poeżiji biex jidhru fiha?  Minnha ssir taf l-attivitajiet li tkun organizzat jew ser torganizza l-Għaqda.

 

Ħaġa tajba li jkollok oġġett utli; imma x’jiswa jekk ma tagħmilx użu minnu?  Dan japplika wkoll għall-website tagħna!

 

ALFRED MASSA

Fuq  Top

IL-Kelma tal-President
Diċembru 200
7

Kulħadd jaf li minn Jannar li ġej Malta ser taqleb għall-munita Ewro.  Mela, fil-ħlasijiet ta’ xiri u bejgħ ser jibdew jintużaw l-Ewro.  Lilna din is-sistema tolqotna wkoll kemm fejn jidħlu miżati u kemm fejn jidħlu abbonamenti f’Versi.

Kif ġa ħabbarna fl-aħħar ħarġa ta’ IL-FOLJU  (Sett.2007), il-miżata se tkun Lm2 (4.66Ewro) u l-abbonament f’Versi se jkun Lm1.50 (3.50 Ewro).  Nittama li l-membri kollha jikkoperaw.

Nieħu l-opportunita’ biex infakkar li biex l-Għ.P.M. tibqa’ ħajja u tibqa’ tiffunzjona kif imiss, teħtieġ il-finanzi; u l-uniku dħul li għandha jiġi biss mill-miżati tagħna.  Mela, ejjew nuru li aqħna kburin li ninsabu mseħbin f’din l-Għaqda u li rriduha tibqa’ ħajja fil-veru sens tal-kelma.  Illum l-Għaqda tagħna kisbet rikonoxximent għal ħidmietha kemm f’Malta u kemm barra minn xtutna.  Imma hemm bżonn li nħallsu l-miżata (u l-abbonament fir-rivista Versi) regolarment, ħalli ma jkunx hemm bżonn ta’ spejjeż żejda ta’ reminders mit-Teżoriera.  Ta’ min jgħid, li kull Ċirkolari li tintbagħat tiswa lill-Għaqda aktar minn Lm7 (16.31 Ewro).

Nagħlaq billi Nawgura Milied hieni u qaddis, kif ukoll Sena  Ġdida mimlija riżq, barka u ħidma lill-membri kollha u lill-familji tagħhom.

ALFRED MASSA  

  Fuq  Top

IL-Kelma tal-President
Settembru 2007

Bi pjaċir ninnutaw l-interess li bħalissa hawn f’pajjiżna fil-poeżija.   Iżda minn dak li nisimgħu fil-Lejliet li minn żmien għal żmien norganizzaw f’diversi lokalitajiet, kif wkoll mill-poeżiji li jiġu f’idejna ma nistgħux ma ninnutawx ċerti għeltijiet.

Għalkemm naqblu ma’ dak li stqarr il-kittieb Taljan, Luigi Marbella. F’intervista fuq l-istazzjon televiżiv 2000 (29.08.2005) li hu diffiċli tiġġudika poeżija,min-naħa l-oħra, id-differenza fis-sustanza, kemm fil-ħsieb u anki fin-nisġa ġieli tinħass sewwa.

Jiena naħseb li kollox ġej min-nuqqas ta’ qari ta’ poeżiji stabbiliti, fosthom il-klassiċi.   Dan isostnuh kritiċi bħall Mathew Arnold u T.S.Eliot.   Nagħmlu żball jekk poeti bħal dawn inqisuhom bħala “m’għadhomx moda”!

Anzi minn hawn irridu nibdew, mit-taghlim tal-Prosodija, ħalli mbagħad wieħed jissokta jimxi ‘l quddiem.  Jekk ma nagħmlux dan nibża’ li jista jiġrilna kif ġara fis-sittinijiet meta twieldu ħafna poeti li mietu f’qasir il-għomor.

ALFRED MASSA  

  Fuq  Top

IL-Kelma tal-President
Ġunju 2007

Jiena li kelli x-xorti nara l-Għ.P.M. titwieled u tul is-snin tissokta tikber u tiżviluppa, ma nistax ma nħossnix sodisfatt li llum naraha waslet fejn waslet.

 
Il-membri minn nofs tużżana qabżu d-90. L-Għaqdda għandha l-e-mail u l-website tagħha.  Ippubbnlikat 7 Antoloġiji b'ilsna differenti u oħra bl-Esperanto li waslet biex toħroġ f'qasir żmien.  Għandha r-rivista tagħha li toħroġ regolarment.  Kull sena torganizza Konkorsi ta' Poeżija għall-kbar u għat-tfal.  Tat ħajja ġdida lill-Poeżija fost il-poplu tal-gżejjer tagħna.
 
Dan kollu huwa frott ta' ħidma sfiqa ta' wħud mill-membri.  Iżda ċertament m'huwiex biżżejjed għax min-naħa l-oħra, għandna membri oħrajn li jħossuhom kuntenti sempliċiment għax isimhom hu mniżżel fil-lista tagħna.  Uħud anki biex iħallsu l-miżata rridu noqogħdu niġru warajhom!
 
Nistaqsi:  Dawn jistgħu jiftaħru li huma membri veri tal-Għ.P.M.?  Ħbieb tiegħi, għal min irid jaħdem fl-għalqa tagħna hemm xogħol għalih żgur.
 
ALFRED MASSA

  Fuq  Top

 

 

IL-Kelma tal-President
Marzu 2007

 

Il-millennju, għalkemm ġab miegħu ġid f’diversi oqsma ta-soċjeta’- mhux biss Maltija – min-naħa l-oħra, donnu ta daqqa ‘l isfel lill-volontarjat.   Jinħass li qed jerġa jerfa’ rasu l-materjaliżmu sfrenat imsejjes fuq il-marda kerha ta’ l-egoiżmu.   B’hekk, qegħdin nassistu għal ċerta indifferenza u apatija f’bosta oqsma tal-ħajja.

 

Nibża’ li, jekk din il-marda tirfes anki l-għatba  tal-Għaqda tagħna, allura jkun wasal iż-żmien li nkunu qbadna t-triq tan-niżla li tista’ twassal għall-qerda totali.

 

Kulmin għandu ftit melħ f’moħħu, jirrealizza li n-numri għandhom siwi limitat; hija kwalita’ li tgħodd.   Għaliex qed ngħid dan?   Għax il-fatt li, għall Grazzja t’Alla, illum l-Għ.P.M qabżet id-90 membru, jekk dawn il-membri ma jkunux attivi, ħawtiela u verament ħajjin, jiswew ftit wisq biex l-Għaqda tissokta timxi ‘l quddiem.

 

Jiena nitlob lill-membri jissuġġerixxu lill Kumitat x’għandu jagħmel biex jirnexxilu jlaqqa’ ħafna mill-membri flimkien.   Għax sinċerament inħoss li f’dan ir-rigward almenu sal-lum fallejna. 

 

ALFRED MASSA

  Fuq  Top

IL-Kelma tal-President
Diċembru 2006

Fiż-żmien meta s-sena tkun agonija, ma nistgħux ma nħarsux lura u naraw x’inkunu wettaqna.  Min-naħa tagħha L-Għ.P.M. tħares b’sodisfazzjon lejn ħidmietha b’risq il-poeżija matul is-sena li għodda waslet biex tintemm.

Il-ħasra hi, li mhux kulħadd japprezza l-ħidma tagħha, bħal dak il-korrispondent li kiteb ittra fil-gazzetta The Times (26.07,2006).  Nies bħal dawn juru kemm huma maqtugħin minn dak li jseħħ f’pajjiżna fil-qasam tal-poeżija.  B’danakollu, xorta waħda jaslu li jippontifikaw dwar dak li qed isir u dwar dak li għandu jsir.  Meta huma, wara kollox, anqas biss jindenjaw jattendu għal xi attivita’ marbuta ma’ dak li jiktbu dwaru.

Lilna l-kritika ma ddejjaqniex  sakemm tkun justa sinċiera u kostruttiva.  Aħna konxi li m’ħniex perfetti u li nistgħu naħdmu aktar, kif fil-fatt bi ħsiebna nagħmlu matul is-sena 2007.  Iżda li niġu ttimbrata  a static conglomeration of dummies ma nħossux li huwa just.Il-Festi t-Tajba lill-membri kollha u lill-familji tagħhom.

ALFRED MASSA

  Fuq  Top

IL-Kelma tal-President
Settembru 2006

Hu fl-interess ta’ l-Għaqda Poeti Maltin li tgħin ‘il-poeżija lokali toħroġ barra minn Pajjiżna.  Għalhekk il-kuntatti tagħna mal-poetessa Taljana u editriċi tal-Gazetin Bottega Letteria, Paola Maria De Maestri.  Għalhekk fl-imgħoddi saru kuntatti ma’ għaqdiet kulturali oħra mill-Italja bħas-Societa’ dei Bronzi u l-ISTEU.

Issa, grazzi għall-inizjattiva ta’ wieħed mill-Membri Onorarji tagħna,  Dr.Karmenu Mallia’ l-Għaqda ser terġa tikseb għarfien mill-Esperantisti mxerrdin mad-dinja.

 

Nieħdu gost naraw l-entużjażmu tal-membri bis-sehem li xtaqu jieħdu f’din l-Antoloġija, tradotta fl-Esperanto minn Dr.Mallia.  L-għażla saret minn Kummissjoni maħtura miż-żewġ Għaqdiet (Għ.P.M. u Għ.K.E.) Xtaqna niftħu l-bieb beraħ imma min-naħa l-oħra fhimna li f’din il-vetrina poetika Maltija ridna nesponu prodott verament ta’ livell tajjeb.

 

B’hekk l-Għ.P.M. tkun wettqet pass ieħor ‘il quddiem fil-ħidma tagħha b’riżq il-Poeżija Maltija.

ALFRED MASSA  

  Fuq  Top


Għaqda Poeti Maltin – Maltese Poets Association

HOME    HISTORY    COMMITTEE    POETS    WHAT'S NEW    MEMBERSHIP    ACTIVITIES    PUBLICATIONS    MEDIA    COMPETITIONS    CONCORSO    ARCHIVE    CONTACT

Copyright © 2005 GHPM. All rights reserved.

  Fuq  Top