|
|
|
|
John Mallia |
|
|
|
|
|
Dwar l-awtur John Mallia twieled Ħal Qormi fis-7 ta' Diċembru, 1944. Għallem għal 41 sena fl-iskejjel statali, l-aħħar 18-il sena bħala għalliem tal-Malti fil-Liċeo Maria Regina, Blata l-Bajda. Huwa membru fl-Għaqda Poeti Maltin u fl-Għaqda Letterarja Maltija. Xogħlijiet tiegħu ġew ippubblikati fl-antoloġija Spirali (1997), fil-ġabra ta' poeżiji Arkadja (2004), f'rivisti u f'ġurnali.
Fis-Skiet
Fis-skiet,
nisimgħek miexi, hemm, maġenbi.
Int dejjem miegħi tkun.
Ma' l-ewwel dawl tal-għodwa
nisma' ġmiel leħnek
fit-tpespis ħelu tal-għasfur tal-bejt
li wara lejl mistrieħ
jagħtik kull ġieħ.
Nixref fit-tieqa, tbusni fuq ħaddejja
b'dawk xofftejk żiffa friska;
nara madwari f'mirja qtar ta' nida
l-ilwien sbieħ tal-ħolqien.
Il-kobor tiegħek jimla s-sema jżernaq
f'għodwiet sajfin, xitwin,
meta, 'il bogħod, fix-xefaq,
tfiġġ xemx sħuna sħuna
jew jisbaħ b'leħħ il-beraq u t-tkarwit.
Narak fil-għajnejn kollhom ferħ tat-trabi,
f'teptip għajnejn iż-żgħażagħ imfarfrin,
narak fejn hemm l-imħabba fil-familja,
fejn jitlissen il-kliem li jġib is-sliem.
Int dejjem miegħi tkun.
Nisimgħek miexi, hemm, maġenbi,
fis-skiet.
John Mallia
|
Quddiem Il-Mafkar
Lill-Mejtin Tat-Tieni Gwerra Dinjija
Semma' leħnek qanpiena,
ħallih jidwi mas-swar
u jinżel f'qiegħ il-baħar,
jogħla 'l fuq f'sema ċar,
jidħol f'sa l-ibgħad rokna
fejn jistrieħu fil-kwiet
eluf w eluf minn niesna
fis-saltna ta' l-imwiet.
Inġabru intom li temmnu
madwar dal-mafkar ġdid
għax ħutna jistħoqqilhom
li jgawdu magħna l-ġid
tal-ġmiel li jagħni 'l Malta
- din l-isbaħ realta' -
tal-ħajja li lkoll ngħixu
fis-sliem u l-liberta'.
U Waħdi Ma Nibqax
L-erba' ħitan madwari għadhom siekta
jixtarru l-kliem li semgħu fil-passat.
Tgħid għad jinsew kollox għal dejjem ...
jew xorbu, bejn il-fili torja,
il-manna minn ilsien il-bniedem
u beżqu 'l barra l-morr?
Imwennes mis-skiet li jgħannaqni,
ġo moħħi mitt ħsieb jimlieli ħini,
u dat-taħbiet ta' qalbi nħossu jtenni,
jaħraq daqs ġamar,
l-mħabba li ġarrabt.
U toħroġ minn għajnejja dik surtek sbejħa
biex timla dal-ħitan...
U waħdi ma nibqax!
|
Għaqda Poeti Maltin – Maltese Poets Association
Merhba-Welcome Storja/History Poeti-Poeziji Konkorsi-Competitions Arkivju-Archive Kuntatt-Contact
Copyright © 2005
GHPM. All rights reserved.