Free Web Hosting by Netfirms
Web Hosting by Netfirms | Free Domain Names by Netfirms

Maurice Mifsud Bonnici

 

 

Dwar l-awtur

Maurice Mifsud Bonnici twieled Ħal Lija fl-4 ta' Lulju 1926.  Ħa l-edukazzjoni sekondarja fil-Kulleġġ ta' San Alwiġi tal-ġiżwiti, u l-edukazzjoni terzjarja fl-Università ta' Malta u f'Borough Polytechnic u Battersey College ġewwa Londra minfejn iggradwa inġinier ta' l-elettriku.  Sa minn mindu kellu ħmistax-il sena beda jikteb poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż, iżda l-impenn ta' xogħlu bhala inġinier, u wara Kap tat-Telekomunikazzjoni, u eventwalment Chairman tal-Korporazzjoni Telemalta, ma ħallilux ħin biex jintefa' fuq il-pubblikazzjonijiet tal-poeżiji li kien jikteb, għalkemm fl-1980 ippubblikawlu ġewwa Londra l-ewwel ktieb tiegħu ta' poeżiji bl-Ingliż.  Meta ħareġ bil-pensjoni fl-1987 intefa' jikteb u jippubblika xogħol letterarju bil-Malti u bl-Ingliż u s'issa ppubblika żewġ kotba ta' poeżiji bl-Ingliż, ieħor bil-Malti u ktieb tal-ħajku bil-Malti u bl-ingliż, kif ukoll rumanz bil-Malti.  Għandu lest għall-pubblikazzjoni fis-sena 2006 żewħ kotba oħra ta' proża bil-Maltiwieħed ġabra ta' esejs u l-ieħor ta' novelli.  Għandu jistennew għall-pubblikazzjoni: rumanz, djarju li hu kien  żamm ta' l-attakki fuq Malta tul l-aħħar gwerra u għadd ta' poeżiji bil-Malti bl-Ingliż u uħud minnhom bit-Taljan li jinkludu ħajku,senriju u limerikki.  Hu msieħeb fl-Għaqda Poeti Maltin, fl-Għaqda Letterarja Maltija, fil-Poetry Society ta' Londra, fl-Għaqda tal-Malti (Università) u f'L-Akkademja tal-Malti li fil-Kunsill tagħha ilu membru dawn l-aħħar tmien snin.

 

About the author.

WASAL IS-SALVATUR

 

Qed inħossu riesaq, qed joqrob;

nisimgħu fuq l-għatba jdoqq it-trombi

bil-beraq; jitriegħedu s-sħab bil-bombi,

u Salvina ġa ġarrbet il-libsa

u xtrat iż-zarbun bl-ogħla takkuna

biex biha rasha tfawwar

fuq il-folla ħarkiena ħa tara

dak li rat snin qabel, u dejjem

ratu jiġġedded, kull sena jigglorja

fil-bjuda li tgħammex

saħansitra l-għajnejn ta' qiegħ qalbha.

Għax qalbi ħebritni li qiegħed jistenna

li jidħol darb'oħra fl-istorja ta' ħajti,

għax issa mhux biss qed nisimgħu,

qed nilmħu jiftaħ dirgħajħ fid-dalma

tal-lejla ta' qabel, jinbidel imdawwal,

u aħna bħal Pietru u ġwanni ma' ġakbu

nitgħaxxqu bid-dehra li ttul aktar

minn dik fuq it-Tabor, thennina bl-ferħ.

X'ġamar ta' dawl, ta' lwien trijonfali,

idawlu 'l Ħal Lija b'xita ta' deheb

nieżel jitbandal, tleqqija ta' fidda

tinfetaħ fis-sema, u tinżel bħal palma

midbiela, għajjiena, u sserrraħ ma' l-art.

 

Wasal il-briju tal-jum tant mistenni

li fih Kristu jirrenja fil-bjuda rebbieħ,

iferraħ it-toroq ta' dik qalb Ħal Lija

li fiha tgħożżni  li tgħix tul iż-żmien.

 

U qabel ma jidħol fil-maqdes ta' daru

li bnewlu l-Lijani, kemm jibbru għajnejh,

jitgħaxxqu bil-folla, u fosthom Salvina

bir-rogħda f'xufftejha tlissinlu tislima

qabel jidħol jistrieħ

u l-bombi mal-ftuħ tal-kuluri,

li qabel tant ferrħu lill-qlub,

ħassew issa d-diqa tal-firda

Tas-Salvatur mit-toroq,

U nħbew fil-ħemda midbiela

Li tnikket il-qlub.

 

06-08-2006

 

 

 

AKTAR DIFFIĊĊLI

 

Kemm hu aktar diffiċċli

Li tħobb l-Alla fid-dinja

Milli tħobbu fis-Sema.

 

Fis-Sema tħobbu fid-dgawdija;

Fid-dinja fit-tbatija.

 

04-05-2002


Għaqda Poeti Maltin – Maltese Poets Association

Merhba-Welcome  Storja/History  Poeti-Poeziji  Konkorsi-Competitions  Arkivju-Archive  Kuntatt-Contact

Copyright © 2005 GHPM. All rights reserved.

Fuq  Top