|
Dwar
l-awtur
Salv Sammut twieled fl-4 ta’ Marzu
tas-sena 1947 f’Ħal Lija. Huwa l-iżgħar minn sitt ulied li erbgħa
minnhom mietu f’eta bikrija. Minn tfulitu kien jiftakar lil missieru
dieħel u ħiereġ minn ġewwa l-isptarijiet. Dan il-fatt mingħajr ma kien
mixtieq wassal għal sitwazzjoni ta’ distanza fir-relazzjoni ta’
bejniethom kif ukoll għarfien rejali tas-sitwazzjoni ekonomika li kellha
tnissel fih għaqal u kawtela. Iċ-ċirkostanzi li minn tfulitu il-familja
bidlet bosta djar, minn Ħal Lija għal Isla imbagħad għal Ħal Balzan u
mill-ġdid għal Ħal Lija u meta żżewweġ mar joqgħod Ħal Balzan u fl-aħħar
nett l-Imtarfa, ġgħalitu jkun Indipendenti mill-element parrokjali kif
ukoll trabba fih sens ta’ bniedem solitarju minkejja li jkun fost
il-kotra.
Salv Sammut ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja ta’ Ħal Lija, l-Isla
u dik sekondarja fis-St. Joseph Technical School ta’ Raħal Ġdid. Wara
bosta snin ħa kors universitarju fl-Istudji Soċjali u fir-Relazzjonijiet
Industrijali fejn kiseb Diploma.
Fis-snin sittin kien attiv fil-politika fil-qasam taż-Żgħażagħ f’dik
l-era ta’ taqlib soċjali u politiku-reliġjuż. Lejn l-aħħar tas-snin
sittin biddel it-triq u minn dik ta’ politika issieħeb fil-kamp
trejdunjonistiku billi ġie maħtur jirrappreżenta lil sħabu l-ħaddiema
f’dik li qabel kienet St. Paul’s Press u wara saret Interprint. Għal xi
snin irtira minn din il-ħidma u żamm profil baxx sakemm fl-1985 reġa
daħal f’karigi oħra li wassluh biex tela’ l-iskaluni kollha tal-karigi
fejn fis-sena 2001, laħaq President tal-General Workers’ Union sakemm
spiċċa bl-eta ta’ l-irtirar fis-sena 2008. Din il-posizzjoni minbarra li
laqqgħatu ma’ bosta personalitajiet kemm ta’ naħa u kemm ta’ oħra,
ġabitu wiċċ imb’wiċċ mar-rejalta ta’ l-arena tal-ħajja pubblika. Iżda
fl-istess waqt kattret fih aktar dixxiplina personali u maturita li
seta’ jifhem iżjed il-psikoloġija tal-bniedem u l-konflitt personali u
egoistiku tiegħu. F’din il-ħidma wkoll, Salv Sammut kellu l-opportunita
li jżur bosta bliet ewropej li ħallew impatt qawwi fuqu kif jixhdu wħud
mill-poeżiji tiegħu.
Bejn is-snin 1989/92 Salv Sammut kien l-ewwel Segretarju amministrattiv
ta’ l-Għaqda Residenti Mtarfa li twaqqfet bil-għan li tgħin
lir-residenti tal-lokal jgħelbu l-problemi li sabu wiċċhom magħhom
bix-xiri tad-djar tagħhom flimkien mal-problemi li setgħu joħorġu
bil-proġett ġdid ta’ bini ta’ Belt ġdida fl-Imtarfa.
FIL-QASAM TAL-KITBA:
Salv Sammut ħasx l-ewwel tqanqila għal kitba fis-sena 1964. Beda jikteb
il-poeżiji u jaqsamhom ma’ poeti żgħażagħ oħra bħal Trevor Zahra,
Raymond Mahoney u Charles Flores li magħhom kellu ħbiberija aktar mill-qrib
minn ta’ oħrajn. Mal-poeżija beda jikteb il-proża li dak iż-żmien kien
influwenzat ħafna mill-kitba ta’ Edgar Allan Poe u f’dik li hija poeżija
minn John Keats u Emily Bronte. Fil-letteratura maltija kienu
jaffaxinawh il-patrijottiżmu ta’ Dun Karm u l-lirika ta’ Rużar Briffa.
Il-poeżija kif ukoll il-proża kienu jixxandru minn fuq ir-Rediffusion
kif ukoll jiġu pubblikati fil-ġurnali lokali li kienu joħorġu dak
iż-żmien.
Daħal membru ta’ l-Għaqda Letterarja Maltija u fis-sena 1967 kien wieħed
minn tal-bidu nett meta twaqqaf uffiċjalment il-Moviment Qawmien
Letterarju. Kien tella’ b’suċċess ġewwa Ħal Lija Lejla ta’ Beat u
Letteratura fejn is-Sala Parrokjali kienet litteralment maħnuqa b’kull
ġeneru tas-soċjeta ta’ Ħal Lija. Xandar xi poeżiji f’xi Antoloġiji li
kienu ġew pubblikati f’dik il-ħabta.
L-istess bħalma kien ġralu fil-kamp tat-trade union, hawnhekk ukoll,
Salv Sammut bejn is-snin 1976 u 1994 daħal f’irtir letterarju u ma kiteb
xejn aktar. Reġa beda l-kitba tiegħu wara l-1994 u ma waqafx minn
dakinhar ’l hawn.
Bejn is-snin sebġħin, Salv Sammut kiteb żewġ rumanzi. Wieħed politiku
soċjali (Staqsi lir-Riħ) bażat fuq is-snin sittin u l-ieħor soċjo-morali
(Fid-Dell tal-Pellikan). It-tnejn li huma nqraw minn fuq il-PBS minn
Charles Arrigo waqt li Staqsi lir-Riħ kien inqara wkoll minn Ġorġ
Portelli fuq Super One Radio. Staqsi lir-Riħ ġie pubblikat fil-Gwida
Magazine u Fid-Dell tal-Pellikan pubblikat fl-Antenna Magazine. Wara
dawn, kiteb ieħor Id-Dar ta’ ħdejn il-Baħar.
Minn barra dan, Salv Sammut kiteb aktar minn tletin novella, bosta
artikli għal ġurnal l-Orizzont, kif ukoll Drammi li wieħed minnhom ġie
mtella’ fuq il-PBS, ieħor intgħażel biex jinħadem bħala assignment minn
sħabu l-istudenti ta’ l-Istudju Soċjali fl-Universita waqt li ieħor
ittella’ mill-Bronk Production fl-okkażżjoni tas-sittin sena mit-twaqqif
tal-General Workers’ Union fis-sena 2003. L-Istazzjon tal-PBS, permezz
ta’ Charles Caruana kien tella’ programm ta’ kull ġimgħa bl-isem ta’
Kwarta Kollox fejn Charles Caruana kien jaqra kitba ta’ Salv Sammut
bażata fuq espressjonijiet minn nies magħrufa barranin. Fuq l-istess tip
ta’ programm, Charles Caruana kien tella’ programm ieħor bl-isem Kliem
Mixtar. Wara dan il-qari, Charles Caruana kien ikollu psikologu
mistieden biex jagħti l-fehma tiegħu fuq dik il-kitba.
Fis-sena 2000, Salv Sammut flmkien ma’ Ġorġ Peresso, Rena Balzan u
Charles Caruana kien ħareġ il-ktieb tal-poeżiji bl-isem ta’ Alfa liema
ktieb kien ġie fit-tieni post fil-konkors nazzjonali Premju Letterarju
2001. Fis-sena 2008, ħareġ it-tieni ktieb, din id-darba waħdu bl-isem ta’
Tiżwiqa.
Fis-sena 2007, Salv Sammut daħal membru ta’ l-Għaqda Poeti Maltin. Minn
ġewwa din l-Għaqda Salv Sammut għamel ħbieb ġodda kif ukoll permezz
tal-lejliet ta’ qari ta’ poeżiji kattar it-taħlita ta’ ħsibijiet u kiseb
esperjenza ta’ tqanqiliet ta’ poeti u ntellettwalisti oħra.
|
Ironija ta’ kuntrasti (VIENNA - Frar, ’06)
Stħajjilt f’widnejja t-tkaken itektku
fuq l-art bl-iskossi mkissra
u taż-żwiemel in-nagħal iħabbtu
fil-ġirja qalila mit-tingiża
ta’ l-ixpruni ta’ Radetsky
fil-marċa awstrijaka
fejn fiż-żifna tal-mewt qerrieda
jitqattlu s-suldati bejniethom.
Stħajjiltni nisma’ l-ħlewwa
tal-melodiji ħerġin mill-kordi mħarrġa
tal-vjolini vjenniżi
mis-swali tal-Palazzi mlewna
minn linef tal-kristall mdendla
fejn mal-valz tad-dannubju,
iż-żeffiena jiżfnu d-danza ferrieħa.
Ir-raġel fuq mitraħ tal-kartun
(FRANKFURT - Ottubru 29, ’03)
Tlaqt bil-ferrovija mill-Istazzjon
lejn il-Belt ta’ l-iSkyscrapers imlewnin.
Imxejt minn toroq wesgħin
u dħalt f’oħrajn dojoq imserpin.
Għaddejt mill-modern għal qadim.
Waqaft biswit vetrina tal-ħġieġ
tostor warajha oġġetti
sbieħ u fil-prezz għoljin.
Iżda mir-riflessjoni tal-ħġieġa
rajt raġel maħmuġ
jiftaħ kaxxa tal-kartun
u jifrixha mad-daħla ta’ l-Istabbiliment.
Rajtu jimted fuqha
u jitgeddes f’kutra mberfla u mdennsa.
Kien qed imattar ġismu
għar-raqda tal-lejl
ġewwa kaxxa miftuħa tal-kartun
f’waħda mit-toroq ewlenin
ta’ Frankfurt.
Jien rajt waqt li kont għaddej
(Mejju 27, ’08)
Jien u għaddej minn fost il-kotra mġenna
taħbat f’xulxin bħan-nemel ħawtiel
tiġri wara l-ħin-eternita
bla sabar f’destinazzjonijiet differenti;
inħares u nifli b’ħarsa ta’ skrutinju
lejn dil-folla mitlufa
fis-subkonxju individwali.
Rajt mara adultera tibki dmugħ
il-madalena sogħbiena
fl-istazzjon u fit-taraġ ta’ l-underground
tistenna lil bniedem-klijent
tiela’ bl-escalator għal kirja tal-midinba ta’ kull żmien
bi dmugħha mxerred jaħsel l-għelt l-umanita universali.
Rajt direttur-eżekuttiv bil-mobajl ma’ widnejh mwaħħal
jagħti struzzjonijiet biex bi sforz kollettiv
ilkoll ifasslu l-mod manipulattiv
ta’ kif b’diplomazija u strateġija fina
jegħlbu l-avversarju kompetittiv.
Rajt tallab imċerċer jifrex il-mitraħ tal-kartun fil-kantuniera
u qabel jagħlaq għajnejh imżellġa mit-trakomja mċajpra
jisma’ f’widnejh il-ħoss itarrax tat-tren fuq il-linji għaddej
waqt li jistħajlu damdim fil-profondita ta’ ruħu minsija
iħares imqit lejn l-indifferenza tal-kotra
għaddejja bla kumpassjoni minn ħdejh.
Rajt mera ġewwa vetrina ta’ Spiżerija
u fir-riflessjoni tagħha dehret il-mara adultera tibki dmugħ l-intolleranza
tas-soċjeta mqita u li ma taħfirx;
għadda d-direttur-eżekuttiv f’manipulazzjoni konċentrata
jikkompeti mal-ħażen tal-kompetittur;
xiref it-tallab jimtedd fuq il-mitraħ tal-kartun fit-tarf tal-kantuniera
jisħet l-ingratitudni tal-bnedmin.
Iżda fihom kollha lmaħt lili nnifsi nħares mitluf
fl-isfond tal-mera li tikxef kull verita;
bniedem solitari b’apatijia kbira
iterraq fit-toroq tal-belt kosmopolitana
fis-skiet tas-solitudni għaddej fost il-kotra li qed tgħix
f’dinja ta’ egoiżmu sfrenat.
Jien - (Mejju 12, ’08)
Jien vjaġġatur
li bliet barranin
inżur.
Jien ħlejqa solitari
infittex identita
fil-ħlejjaq mistura
f’individwalita
t’elf karattru differenti
ifittxu s-serħan
fir-ruħ u fil-menti.
Jien huwa jien
mitluf f’attitudni
ta’ ndifferenza
fost il-kotra miexi waħdi
f’solitudni.
|